Skip to main content

Nistgħu nirrispondu
l-mistoqsijiet tiegħek

Kemm jekk għandek mistoqsija taħraq li trid tweġiba għaliha jew inkella ltqajt ma’ xi problema relatata mal-ilma, se ssib it-tweġiba għaliha hawnhekk. Jekk il-mistoqsija tiegħek mhix Imwieġba hawn, inżel aktar ’l isfel biex tibgħat il-mistoqsija tiegħek u persuna teknika tagħmel kuntatt miegħek

Ittestja l-effiċjenza tal-ilma tiegħek

Ittestja l-effiċjenza tal-ilma tiegħek

GĦAJNUNA

M’għandix Ilma

Jekk għandek problema bl-ilma jew d-dranaġġ, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tista’ tkun li diġà taf biha. Iċċekkja l-paġna tal-Facebook tagħhom .

Jekk le kkuntattja lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Ħu azzjoni

Pressjoni baxxa tal-ilma

Jekk taqa’ l-pressjoni tal-ilma tiegħek ikkuntattja lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jiggwidawk skont il-każ.

Ħu azzjoni

Irrapporta tnixxija ta’ ilma

Kemm jekk l-ilma qed inixxi fid-dar jew barra (fit-triq jew f’passaġġ), il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jagħtuk gwida pass pass dwar kif għandek issibha u tirrappurtaha.

Ħu azzjoni

Tappiera mkissra jew nieqsa

Jekk tara tappiera mkissra jew nieqsa jekk jogħġbok ipprova dawwar xi ħaġa magħha (fejn hu possibbli u mhux ta’ periklu) u rrapporta l-ħsara lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Jekk qed tkun ta’ periklu għat-traffiku jew għal min ikun għaddej fit-triq irrappurtaha wkoll lill-Pulizija.

Irrappurtaha

Drenaġġ imblukkat

Ma tafx fejn hemm il-problema jew min hu s-sid tal-katusa imblukkata? Toqgħodx taħsibha — il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jsibu dan u jsewwuha jekk ix-xogħol fil-pajp huwa tagħhom. Inkella jagħtuk parir jekk ix-xogħol fil-pajp huwa tiegħek.

Ħu azzjoni

Pajp mifqugħ

Rajt pajp tal-ilma mifqugħ? Ħu azzjoni malajr. Hemm xi affarijiet li tista’ tagħmel biex tnaqqas il-ħela tal-ilma u l-ħsara sakemm tissewwa.

Ara aktar

L-ilma tal-vit għandu xi ħaġa stramba

L-ilma tal-vit tiegħek għandu kulur mhux tas-soltu, għandu riħa jew togħma stramba?

Irrapporta

Il-bir tiegħek għandu bżonn jissewwa?

Għandek bir li jeħtieġ tiswija? Iċċekkja fis-sit tar-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS) għal iktar informazzjoni dwar l-iskema li għaddejja bħalissa.

Sir af aktar

Bawżer tal-Ilma

Trid tkun taf jekk il-bawżer li tuża hux reġistrat? Ikkuntattja lir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS) biex issir taf aktar.

Kuntatt

Trid tiċċekkja jekk il-bawżer li tuża jipprovdilekx ilma tajjeb għax-xorb tal-ogħla klassi? Ikkuntattja lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali biex issir taf aktar.

Ibgħat emailĊempel

Irrid napplika għal servizz tal-ilma ġdid fil-post tiegħi. Xi rrid nagħmel?

Jekk tixtieq tapplika għal servizz ġdid tal-ilma fid-dar jew fil-binja kummerċjali tiegħek ibda billi tniżżel l-applikazzjoni għal servizz ġdid tal-ilma u ħudha fl-uffiċini tal-ARMS jew ibgħat email fuq customercare@arms.com.mt. Huwa importanti li fejn qed jiġi mitlub is-servizz, il-pajpijiet neċessarji għall-ilma jkunu diġà mgħoddija, imma m’hemmx provvista minn barra. Għal aktar informazzjoni żur it-taqsima tal-FAQs tal-ARMS.

Sir af aktar

MISTOQSIJIET DWAR L-ILMA

Hija riżorsa skarsa l-ilma f’Malta?

L-iskarsezza tar-riżorsa tal-ilma f’Malta dejjem kienet realtà. Fil-fatt, dan kien enfasizzat fl-ewwel rapport dwar ir-riżorsa tal-ilma fil-gżejjer Maltin li jmur lura għal nofs is-sena 1500. Malta, bi klima semiarida, b’sajf niexef twil u xitwa mingħajr ħafna xita tikkontribwixxi għal disponibbiltà limtata tal-ilma naturali rinnovabbli. Is-sitwazzjoni tkompli tikkomplika ruħha bid-densità għolja fil-popolazzjoni tal-gżejjer li tiġġenera talba kbira għall-ilma, li jkompli jżid l-iskarsezza ta’ din ir-rizorsa.

Ftit figuri: In-Nazzjonijiet Uniti jikkunsidra 500m3 għal kull persuna kull sena ta’ ilma rinnovabbli b’mod naturali, bħala l-limitu minimu ta’ ilma. Il-livell preżenti fil-gżejjer Maltin huwa stmat għal 100m3 għal kull persuna kull sena, u dan ipoġġi lil Malta fost l-ewwel għaxar pajjiżi bi skarsezza ta’ ilma.

Malta għandha riżorsa tal-ilma ħelu?

Iva, Malta għandha riżorsa tal-ilma ħelu.

Minkejja li fil-gżejjer Maltin m’hemmx sistemi ta’ xmajjar kbar u permanenti, huma diversi l-widien, nixxigħat u għadajjar li wieħed isib l-ilma fihom matul is-sena. Il-preżenza tal-ilma f’dawn il-postijiet u l-għadajjar żgħar huma ta’ sostenn importanti għall-ekosistema endemika.

Ir-riżorsa prinċipali tal-ilma ħelu fil-gżejjer Maltin huwa l-ilma tal-pjan li jeżisti f’żewġ tipoloġiji: dak staġnat u dak fil-livell tal-baħar. Id-disponibbiltà tal-ilma tal-pjan dejjem kienet storikament issostni l-iżvilupp tal-ekonomija ta’ pajjiżna u għadha sal-ġurnata tal-lum riżorsa importanti fil-provvista tal-ilma.

Hemm ilma taħt l-art?

Iva, l-ilma li hemm taħt l-art jissejjaħ ilma tal-pjan.

L-ilma tal-pjan jifforma meta l-ilma jidħol fil-wiċċ tal-art u jimla l-vojt ta’ bejn il-blat (pori u/jew qsim). Il-ġeoloġija ta’ Malta tagħti lok għal żewġ tipi ta’ ilma tal-pjan – primarjament l-ilma tal-pjan li jinstab bejn il-ġebel tal-qawwi ta’ fuq u t-tafal, u l-ilma tal-pjan fil-livell tal-baħar fejn l-ilma ħelu jżomm fuq l-ilma tal-baħar fil-livell taż-żonqor. Iż-żewġ tipi ta’ ilma tal-pjan huma vulnerabbli ħafna għat-tniġġiż mill-wiċċ tal-art, filwaqt li ilma tal-pjan fil-livell tal-baħar huwa vulnerabbli għad-dħul tal-ilma tal-baħar b’reazzjoni għall-attivitajiet ta’ estrazzjoni.

X’inhuma l-affarijiet li jniġġżu r-riżors tal-ilma ħelu f’Malta?

L-affarijiet li jniġġżu l-ilma tal-pjan f’Malta huma diversi, imma kollha huma magħmula mill-attività tal-bniedem bħall-agrikoltura, l-industrija u attivitajiet oħra ta’ kuljum. Waħda mill-affarijiet l-iktar li tniġġeż l-ilma tal-pjan hija n-nitrat li primarjament joriġina mill-fertilizzazzjoni żejda fl-argrikoltura. Kontribut ieħor huwa mill-leakages mid-dranaġġ li jista’ jirriżulta wkoll mill-introduzzjoni ta’ affarijiet li jniġġżu li ġejjin mid-djar tagħna fis-sistema tal-ilma tal-pjan. Fosthom insibu l-prodotti tal-kura personali, mediċini u prodotti kimiċi oħra li nużaw ta’ kuljum. Fortunatament s’issa għadhom ma nstabux traċċi ta’ dan it-tip f’ilma tal-pjan ta’ Malta.

Minn fejn tiġi l-provvista tal-ilma ta’ Malta u min jibbenefika minnha?

Il-provvista tal-ilma frisk ta’ Malta tiġi minn dawn l-erba’ riżorsi: (i) ilma tal-pjan, (ii) ilma tal-baħar desalinat, (iii) ilma tax-xita u (iv) ilma msaffi. Dawn ir-riżorsi tal-ilma jintużaw biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-utenti tal-ilma li jiddependi għall-bżonnijiet tagħhom. Għalhekk l-ilma tal-pjan u l-ilma tal-baħar desalinat jintużaw għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb filwaqt li l-ilma tax-xorb, l-ilma msaffi u l-ilma tax-xita jintużaw għal għanijiet oħra fosthom l-agrikoltura u l-industrija.

Kemm nikkonsmaw Ilma?

B’kollox, il-Gżejjer Maltin jikkunsmaw madwar 60 miljun metru kubu tal-ilma kull sena, li madwar nofsu jintuża għax-xorb. Minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi naturali ta’ ilma ħelu disponibbli, l-ilma tax-xorb f’Malta huwa taħlita ta’ ilma desalinizzat mill-impjanti tar-reverse osmosis u tal-ilma taħt l-art. Żieda fil-popolazzjoni u fil-livell tal-għajxien qed twassal għal żieda fid-domanda nazzjonali għall-ilma. L-ilma ħelu jintuża l-aktar fid-djar Maltin, fejn tintuża taħlita ta’ ilma tajjeb għax-xorb, ilma riċiklat u ilma tax-xita maħżun.

Ħafna jaħsbu li l-magna tal-ħasil hija l-aktar apparat fid-dar li juża ilma. Ir-realtà hi li l-aktar li jintuża ilma fid-dar huwa fil-kamra tal-banju. Il-flushing tat-toilet u x-showers f’daqqa huma kważi 70% tal-konsum tiegħek tal-ilma ta’ kuljum. Għalhekk, huma l-aqwa opportunità għal kulħadd biex naħlu inqas ilma u biex kulħadd isir aktar effiċjenti fil-mod kif juża l-ilma. Żomm għajnejk miftuħa għall-kit tal-konservazzjoni tal-ilma li qed titqassam bħala parti mill-kampanja, u għad-diversi ħjiliet fuq kif ma taħlix ilma. Ejja ħalli flimkien, inkunu l-bidla.

X’inhi gallarija tal-ilma u x’tagħmel?

Kull sena jittellgħu ftit aktar minn 14-il miljun metru kubu ta’ ilma tax-xorb mis-sorsi tal-ilma taħt l-art. Wieħed mis-sorsi ewlenin huwa l-gallariji tal-ilma taħt l-art f’Ta Kandja. Il-gallariji f’Ta’ Kandja huma madwar 97 metru taħt l-art u jinfetħu orizzontalment f’direzzjonijiet differenti minn xaft ċentrali li jiġbor l-ilma, għal eluf ta’ metri. Il-gallariji ta’ taħt l-art f’Ta’ Kandja u l-istazzjon tal-ippumpjar qegħdin fil-limiti tas-Siġġiewi. Dawn kienu l-aħħar sistemi tal-ilma taħt l-art u stazzjon tal-ippumpjar li nbnew, u tlestew fl-1963. B’kollox, din is-sistema tikkonsisti f’network ta’ gallariji ta’ 6.2 kilometri minn network totali ta’ 42 kilometru ta’ gallariji bħal dawn li jinsabu fi stazzjonijiet ta’ ppumpjar tal-ilma ta’ taħt l-art oħra taħt il-gżejjer Maltin. Stazzjonijiet tal-ippumpjar oħra importanti jinkludu dawk f’Ta’ Speranza, Ta’ Qali u Bakkja. Kull stazzjon jikkonsisti f’numru ta’ gallariji li jwasslu għax-xaft ċentrali li minnu jittieħed l-ilma għax-xorb mill-akwiferu tal-livell tal-baħar medju.

B’kollox hemm total ta’ 12-il stazzjon tal-ippumpjar u 134 toqba minn fejn jittieħed l-ilma u jsir ilma tajjeb għax-xorb permezz ta’ network sofistikat ta’ infrastruttura tal-ilma.

Kif tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tagħna?

Kull sena jittellgħu ftit aktar minn 14-il miljun metru kubu ta’ ilma tax-xorb mis-sorsi tal-ilma taħt l-art. Wieħed mis-sorsi ewlenin huwa l-gallariji tal-ilma taħt l-art f’Ta Kandja. Il-gallariji f’Ta’ Kandja huma madwar 97 metru taħt l-art u jinfetħu orizzontalment f’direzzjonijiet differenti minn xaft ċentrali li jiġbor l-ilma, għal eluf ta’ metri. Il-gallariji ta’ taħt l-art f’Ta’ Kandja u l-istazzjon tal-ippumpjar qegħdin fil-limiti tas-Siġġiewi. Dawn kienu l-aħħar sistemi tal-ilma taħt l-art u stazzjon tal-ippumpjar li nbnew, u tlestew fl-1963. B’kollox, din is-sistema tikkonsisti f’network ta’ gallariji ta’ 6.2 kilometri minn network totali ta’ 42 kilometru ta’ gallariji bħal dawn li jinsabu fi stazzjonijiet ta’ ppumpjar tal-ilma ta’ taħt l-art oħra taħt il-gżejjer Maltin. Stazzjonijiet tal-ippumpjar oħra importanti jinkludu dawk f’Ta’ Speranza, Ta’ Qali u Bakkja. Kull stazzjon jikkonsisti f’numru ta’ gallariji li jwasslu għax-xaft ċentrali li minnu jittieħed l-ilma għax-xorb mill-akwiferu tal-livell tal-baħar medju.

B’kollox hemm total ta’ 12-il stazzjon tal-ippumpjar u 134 toqba minn fejn jittieħed l-ilma u jsir ilma tajjeb għax-xorb permezz ta’ network sofistikat ta’ infrastruttura tal-ilma.

Kif nista’ naħli inqas ilma fis-sajf?

Minħabba s-sjuf twal u sħan tagħna, bi ftit ilma tax-xita, il-pjanti fil-ġonna tagħna għandhom rati għoljin ta’ evapotraspirazzjoni. Għalhekk, jekk għandek ġnien, jaf jagħmel aktar sens li tħawwel speċi li huma nattivi għal Malta, għax dawn ikunu mdorrijin fil-klima tagħna. Għandek tħawwel il-pjanti fir-rebbiegħa jew fil-ħarifa meta jkun hemm inqas bżonn li jissaqqew. Il-friegħi baxxi tas-siġar u l-arbuxxelli ħallihom hemmhekk billi dawn iħallu l-fdaltal-weraq jakkumula, u dan iżomm il-ħamrija aktar kiesħa u jnaqqas l-evaporazzjoni. Tista’ tibda munzell tal-kompost, li meta jintefa’ fil-ħamrija, ikabbar il-kapaċità tagħha ta’ kemm tiflaħ ilma. Jekk għandek pixxina, ikkunsidra li tgħattiha ħalli din tibqa’ nadifa u tipprevjeni li titlef l-ilma bl-evaporazzjoni. Qis li jkollok pompi ta’ riċirkulazzjoni, u għall-apparat li jimla mill-ġdid b’mod awtomatiku, iċċekkja kultant żmien biex tara li m’hemmx ilma jqattar.

Mistoqsijiet Frekwenti dwar it-turs tal-belt

Ilma – Ibda Minnek

Kif qed isiru t-tours fil-lokalitajiet?

Bħalissa, it-tim tagħna qiegħed iqassam il-‘Water be the Change Gift Packs’fid-djar tal-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex. F’każ li meta niġu biex nagħmlu d-distribuzzjoni, int ma tkunx id-dar, se nkunu qed inħallulek nota fil-kaxxa tal-ittri tiegħek, biex ninfurmawk li ġejna f’darek u ma fetħilna ħadd, filwaqt li ssib istruzzjonijiet dwar x’tista’ tagħmel biex tiġbor il-‘Water be the Change Gift Pack’ u l-kit.

Aqra Iktar

Kif nista’ nikseb vawċer?

Il-gift pack mill-kampanja nazzjonali ‘L-ILMA – Ibda Minnek’, li qed jitqassmu fid-djar, kollha għandhom vawċer. F’każ li ma tkunx id-dar fil-ħin li niġu biex nagħmlu d-distribuzzjoni, aħna nieħdu ħsieb li nimpostaw nota biex ninfurmawk li ġejna għandek iżda ma stajniex nagħtuk dawn il-‘Water be the Change Gift Pack’ u l-kit. Din in-nota fiha struzzjonijiet dwar x’għandek tagħmel biex tiġbor il-‘Water be the Change Gift Pack’ u l-kit mill-Water Mobile Unit jew minn GĦAJN, miċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-Kampanja.

Minn fejn nista’ nsarraf il-vawċer tiegħi/in-nota li tgħidlek li d-distribuzzjoni ma tkunx saret?

Il-vawċers u n-nota li nkunu mpostajnielek biex ninfurmawk li ma stajniex nagħmlu d-distribuzzjoni tal-‘Water be the Change Gift Pack’, jistgħu jissarrfu mill-Water Mobile Unit, jew minn GĦAJN, iċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-Kampanja, ir-Rabat. Għal aktar dettalji rigward il-lokalitajiet tal-Water Mobile Unit u fuq iċ-Ċentru tal-Informazzjoni tal-Kampanja favur il-konservazzjoni tal-ilma, tista’ żżur: hawn.

X’inhu l-‘Water Conservation Kit’?

Fil-‘Water Conservation Kit; għandek issib ħames aġġeġġi li jgħinuk tiffranka u tikkonserva l-ilma f’darek.

Dan il-kit jikkonsisti f’:

Handheld Showerhead
Dual Spray Swivel Faucet Aerator
Dual Thread Aerator
Shower on-off switch
Flushing Tank Bag – Hippo Bag

Eliġibbli biex nipparteċipa f’din il-kampanja?

Il-kriterji sabiex tkun eliġibbli huma:

 

Jekk toqgħod fir-residenza imma l-kont mal-ARMS mhuwiex fuqek, hu importanti li:

(eż. f’każ li persuna tiġbor il-kit f’isem is-sieħeb/sieħba tagħha jew it-tfal li jgħixu fl-istess proprjetà jiġu biex jiġbru l-kit għan-nom tal-ġenituri tagħhom)

– L-indirizz fuq il-karta tal-identità jkun jaqbel

– Il-karta tal-identità ta’ sid il-kont bl-indirizz li jabel ma’ dak ta’ fuq il-kont

– Il-kont tal-ARMS

 

Jekk ma toqgħodx fl-istess dar imma qed tiġbor il-kit f’isem persuna oħra

(eż. bint li tirrisjedi f’residenza differenti iżda qed tiġbor il-kit f’isem ġenitur anzjan tagħha)

– Sintendi, m’hemmx bżonn li l-indirizz fuq il-karta tal-identità tiegħek ikun jaqbel ma’ ta’ dak ta’ fuq il-kont tal-ARMS

– Il-karta tal-identità ta’ min għandu l-kont mal-ARMS irid ikollha indirizz li jkun jaqbel mal-istess kont tal-ARMS

– Il-kont tal-ARMS tar-residenza eliġibbli

 

Kirja fit-tul bil-kont tal-ARMS ikun fuq il-persuna li tkun qed tikri u l-karta tal-identità tkun taqbel mal-istess kont tal-ARMS

– Karta tal-identità tal-persuna li tkun qed tikri

– L-indirizz li jkun qed jidher fuq il-kont tal-ARMS ikun tal-persuna li tkun qed tikri

(f’każ li l-kont ikun fuq sid il-post li qed jinkera, il-persuna li tkun qed tikri jeħtieġ li ġġib kopja tal-karta tal-identità tas-sid (detentur tal-kont), il-karta tal-identità tal-persuna li qed tikri trid tkun taqbel mal-indirizz li jidher fuq il-kont tal-ARMS u l-kont tal-ARMS irid ikollu indirizz tar-residenza eliġibbli.)

Jekk għadni ma rċevejtx vawċer, x’għandi nagħmel?

Jekk għadek ma rċevejt ebda vawċer, għandek tirċievi nota bil-posta biex ninfurmawk li ma stajniex nagħmlu d-distribuzzjoni f’darek jew nibagħtulek email. Din in-nota jkun fiha struzzjonijiet ċari dwar x’għandek tagħmel: Mur fil-Water Mobile Unit u ħu miegħek in-nota li tirċievi, il-kont tal-ARMS u l-karta tal-identità tiegħek, jew minflok tista’ tagħżel li tmur l-Uffiċċju ta’ Informazzjoni tal-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ fir-Rabat.

Jien qed nikri fejn noqgħod. Xorta jien eliġibbli għal din il-kampanja?

Iva jekk qed tgħix f’kera fit-tul, sakemm il-karta tal-identità tiegħek hi Maltija (jew ikollok karta tal-identità apposta u li tkun maħruġa għal ċittadini mhux ta’ nazzjonalità Maltija li, iżda, għandhom ir-residenza tagħhom f’Malta). F’dan il-każ, ikollok bżonn iġġib il-karta tal-identità tiegħek bl-indirizz tal-post eligibli, kopja tal-kont tal-ARMS u l-karta tal-identità ta’ sid il-propjetà (jew kopja).

Jekk għadni ma rċevejtx vawċer, x’għandi nagħmel?

Tista’ tiġbor il-kit mill-Uffiċċju ta’ Informazzjoni tagħna tal-kampanja ‘L-Ilma – Ibda Minnek’ fir-Rabat, u li jiftaħ kuljum (inkluż fit-tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi) u mill-Water Mobile Unit, nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd mid-9am sal-5pm, jew skont il-lokalità ta’ fejn ikun jinsab il-Water Mobile Unit. Għal-lista sħiħa tal-postijiet fejn hemm żjara pjanata tal-Water Mobile Unit, flimkien mal-ħinijiet tal-ftuħ, żur hawn.

Mobile Unit

X’għandi bżonn inġib miegħi meta nżur il-Mobile Unit biex niġbor il-kit tiegħi?

Jekk iġġib l-oġġetti mniżżla hawn, fi kwalunkwe mit-tliet punti t’hawn taħt, ikun biżżejjed:

Il-vawċer u l-karta tal-identità tiegħek. Hu importanti li l-isem u l-indirizz fuq il-karta tal-identità jkunu jaqblu mad-dettalji fuq il-kont tal-ARMS; inkella jkollok iġġib il-karta tal-identità li jkollha d-dettalji li jaqblu.
In-nota li tkun sibt fil-posta, biex infurmajniek li ma stajniex nagħmlu d-distribuzzjoni tal-kit f’darek u l-karta tal-identità tiegħek.
Il-kont tal-ARMS (hu importanti li tassigura li dan il-kont ikun immarkat bħala ‘Residenzjali’) u l-karta tal-identità tiegħek.

Meta l-Mobile Unit ikun qed iżur il-lokalità tiegħi, m’għandix ħin biex niġbor il-kit tiegħi għall-konservazzjoni tal-ilma. Jista’ xi ħadd jiġbru f’ismi?

Iva. Il-persuna li żżur l-Water Mobile Unit għandha ġġib il-karta tal-identità tagħha stess, flimkien mal-affarijiet imsemmija hawn fuq li jappartjenu lilek.

Nista’ ninstalla l-apparat jien stess?

L-istruzzjonijiet li għandek bżonn biex tinstalla l-apparat tal-ilma jistgħu jinstabu f’ dawn il-links:

Gift pack: https://staging-ilma.niu.mt/waterconservationgiftpackinstructions/

Kit għall-Iffrankar tal-Ilma: https://staging-ilma.niu.mt/waterconservationkitinstructions/

Għaliex għandi ninstalla dawn l-aġġeġġi?

L-iskop ta’ dawn l-aġġeġġi hu li wieħed jiffranka l-ilma. Meta tinstalla dawn l-aġġeġġi, tkun tista’ tnaqqas il-kontijiet tal-ilma tiegħek. Jekk tkun tixtieq tixtri aktar minn dawn l-aġġeġġi, tista’ tagħmel dan bi prezz raġonevoli mingħand ħanut taż-żebgħa (ironmongery) jew online.

Kif tista’ tikkonserva l-ilma permezz ta’ dawn l-aġġeġġi?

L-aerator u x-showerhead joħolqu bżieżaq tal-arja fil-fluss tal-ilma. Dan il-proċess jgħin biex titnaqqas l-ammont tal-fluss tal-ilma imma mhux il-pressa u eventwalment tkun qed tikkonserva l-ilma fid-dar tiegħek.

Ix-‘Shower on-off Switch’ jirregola l-fluss tal-ilma, u jippermetti lill-persuna li tkun qed tużah biex tissettja b’mod xieraq it-temperatura tal-ilma mill-mixer tax-xawer tiegħek. B’dan il-mod, it-temperatura tal-ilma tinżamm kostanti u ma tkun qed taħli l-ebda ilma meta terġa’ tiftaħ il-fluss tal-ilma, għaliex it-temperatura tkun diġà regolata.

Il-‘ Flushing Tank Bag iżomm fih volum ta’ spazju ġewwa l-flushing tiegħek, u b’hekk tkun qed tnaqqas l-ammont ta’ ilma meħtieġ biex timla l-flushing. Xorta waħda se jibqa’ jkollok ammont ta’ ilma adegwat meta tiġi biex tifflaxxja mit-toilet tiegħek.

L-aerator li għandi ma jidħolx fil-vit tal-ilma tiegħi. X'nista’ nagħmel?

L-aerator kollha għandhom woxers ġo fihom stess, li jistgħu jitneħħew biex tiżvela dak li ngħidulu ‘female thread’. L-arjaturi huma standard tal-UE u fuq in-naħa ta’ barra għandhom male thread u fuq in-naħa ta’ ġewwa għandhom female thread, meta jitneħħew il-woxers ġewwa. Tista’ wkoll tinstalla dan l-arjatur fuq kwalunkwe vit ieħor fid-dar tiegħek fejn tkun qed toqgħod.

Għandi iktar minn kamra tal-banju waħda. Nista’ nikseb aktar kits għall-Konservazzjoni tal-Ilma?

Qed inqassmu kit wieħed lil kull residenza primarjaf’Malta u Għawdex. Madankollu, jekk tixtieq tixtri aktar aġġeġġi, dawn kollha jistgħu jinxtraw bi prezz raġonevoli ħafna  mill-ħwienet taż-żebgħa komuni (ironmongery) jew online.

Apparti r-residenza primarja tiegħi, jien għandi proprjetà oħra fejn nirċievi wkoll kont ieħor tal-ilma. Jien eliġibbli għat-tnejn?

Il-proprjetajiet kollha li jirċievu kontijiet tal-ARMS, li huma mmarkati bħala ‘Residenzjali’ u li jindikaw in-numru ta’ residenti, huma eliġibbli (Jekk jogħġbok irreferi għall-parti tan-naħa ta’ fuq, fuq il-lemin tal-kont tiegħek). Jekk il-kont huwa mmarkat bħala ‘Domestiku’, u huwa residenzjali, iżda n-numru ta’ residenti huwa ‘0’, jew m’għandux numru, allura dik ir-residenza mhix eliġibbli. Għal aktar mistoqsijiet u informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq in-numru tat-telefon tagħna li hu bla ħlas 80072337 jew ibghat email fuq info@staging-water.niu.mt.

Ma sibtx it-tweġiba li qed tfittex?
Ibagħtilna l-mistoqsija tiegħek

Ma sibtx it-tweġiba li qed tfittex?
Ibagħtilna l-mistoqsija tiegħek

Żomm kuntatt

Abbona għan-Newsletter

Segwina fuq

is-siti soċjali tagħna

Żomm kuntatt

Abbona għan-Newsletter

Segwina fuq

is-siti soċjali tagħna

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.